PRESS RELEASE
Simon Marchett, manager tal-fergħa ta’ Frank Salt f’Bormla.
Kull min hu midħla tat-Tlett Ibliet hu konxju tar-riġenerazzjoni li bdiet isseħħ fl-aħħar snin. Riġenerazzjoni li permezz tagħha rajna propjetajiet mitluqin jiġu rranġati u restawrati u llum qed iservu ta’ residenzi. Rajna palazzi antiki jinbidlu f’akkomodazzjoni turistika.
Fit-Tlett Ibliet qegħdin naraw ukoll żieda fid-domanda għall-kirjiet.
Simon Marchett, il-manager tal-fergħa ta’ Frank Salt f’Bormla meta tkellem ma’ IT-TORĊA dwar ir-riġenerazzjoni fit-Tlett Ibliet iddikjara li “f’perjodi differenti tas-sena d-domanda għall-kiri teċċedi l-ammont ta’ proprjetajiet li jkunu disponibbli. Għalhekk hemm bżonn ta aktar investiment fi proprjetajiet privati sabiex dawn jiġu guq is-suq għal kiri. B’hekk dan ikun jista’ jagħmel tajjeb għad-domanda li kull ma jmur qed tkompli tikber.” Hu qalilna ukoll li “t-tlett ibliet, tista’ tgħid kważi fl-intier tagħhom, huma meqjusa u klassifikati bħala żoni urbani ta’ konservazzjoni. Riżultat ta’ dan, għal kuntrarju ta ħafna lokalitajiet oħra f’pajjiżna din iż-żona ftit li xejn ġiet mittiefsa bi żviluppi ġodda u mostrużi li setgħu jnaqqsu mir-rikkezza storika u awtentiċità tagħha.”
Illum hu fatt li aktar u aktar koppji b’mod partikolari persuni barranin qegħdin jagħżlu dejjem aktar li jikru flok jixtru. F’lokalitajiet meqjusin bħala ġodda bħal Marsaskala u Buġibba hemm għadd ta’
proprjetajiet għal kiri. Fejn jirrigwarda proprjetajiet għal kiri fit-tlett ibliet – Birgu, Bormla u l-Isla x’inhi is-sitwazzjoni? Kemm hu vijabbli li persuni jinvestu fi proprieta f’dawn l-ibliet biex jikruhom u għalhekk dik il-proprjeta issir investiment li jrendi?
Id-domanda għal postijiet bil-kera żdiedet b’mod sinjifikanti matul l-aħħar snin wara l-influss ta’ persuni minn barra minn Malta li ġew f’pajjiżna għal skopijiet ta’ impjieg jew biex jistabbilixxu r-residenza. Fejn jirrigwardja l-Kottonera, din iż-żona wkoll gawdiet miż-żieda fid-domanda. Bla dubju ir-riġenerazzjoni li seħħet f’dan ir-reġjun fl-aħħar snin li inkludiet ir-restawr ta diversi binjiet storiċi, il-bini mill-ġdid tax-xatt, u l-ftuħ ta’ negozji differenti fost diversi proġetti oħra rendiet lil din iż-żona iktar attraenti li irriżultat f’iktar nies, b’mod partikolari barranin, li jagħżlu li jmorru jgħixu fit-tlett ibliet. Apparti r-riġenerazzjoni taż-żona, l-introduzzjoni tat-trasport bil-baħar li jgħaqqad lil Bormla mal-Belt Valletta għamilha iktar possibli għal dawk li jaħdmu jew jiedħlu l-Belt ta’ spiss sabiex jikkunsidraw u jfittxu akkomodazzjoni fit-tul fit-tlett ibliet hekk kif dan il-mezz ta’ trasport qarreb liż-żewġ naħat tal-port.
Dawn l-iżviluppi u diversi oħrajn huma indikaturi u konferma li l-Kottonera tal-lum hi żona li wieħed għandu jikkunsidra meta jiġi biex jinvesti speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-profil ta’ min qed ifittex li jinvesti, jgħix jew saħħansitra iqatta’ l-vaganzi tiegħu fit-tlett ibliet illum -il ġurnata inbidel konsiderevolment meta mqabbel ma’ qabel ma bdiet isseħħ ir-riġenerazzjoni.
It-tlett ibliet huma magħrufin għall-Palazzi u djar kbar li għandhom.
Intom li imdaħħlin fis-suq tal-proprjeta u għandkom esperjenza kbira f’dan is-suq, x’tip ta’ proprjetajiet issib għall-kiri fit-tlett ibliet?
Il-prezzijiet kif jikkomparaw ma’ żoni oħra f’Malta f’dawk li huma kirjiet?
It-tlett ibliet, tista’ tgħid kważi fl-intier tagħhom, huma meqjusa u klassifikati bħala żoni urbani ta’ konservazzjoni. Riżultat ta’ dan, għal kuntrarju ta ħafna lokalitajiet oħra f’pajjiżna din iż-żona ftit li xejn ġiet mittiefsa bi żviluppi ġodda u mostrużi li setgħu jnaqqsu mir-rikkezza storika u awtentiċità tagħha. Biss xorta waħda teżisti diversità interessanti fejn jirrigwardja it-tipi differenti ta’
proprjetajiet. Kemm jekk wieħed jagħżel li jipprioritizza l-veduti jew spazju estern għal min iħobb iqatta’ ħinu jgawdi barra fil-privatezza ta’ daru, u kemm jekk wieħed jixtieq li jkollu proprjetà storika, tradizzjonali jew rikka fl-arkitettura, it-tlett ibliet għandhom ħafna x’joffru. Wieħed jista’ jsib ukoll appartamenti u maisonettes antiki li ġew irranġati għal skopijiet ta’ kiri fit-tul jew akkomodazzjoni turistika matul l-aħħar snin. Minn dawn il-proprjetajiet jeżistu kemm b’kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta. Ovvjament, it-tip ta’ proprjetà u numru ta’ fatturi oħra bħaż-żona, spazju estern, veduti jew in-nuqqas tagħhom, l-ispazju intern u l-viċinanza għal amenitajiet għandhom impatt fuq il-prezzijiet. Iżda fuq kollox d-domanda u d-disponibbiltà huma l-fatturi prinċipali li jiddeterminaw il-prezzijiet bħal f’kull żona oħra. Ġeneralment postijiet b’kamra tas-sodda waħda għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw minimu ta’ €600 jew €650 fix-xahar filwaqt li postijiet b’veduti tajbin jistgħu jiġġeneraw minimu ta €1000 bil-possibiltà li d-dħul jikber skond it-tip ta’ veduti, kobor tal-proprjeta’ u ż-żona. Fil-Kottonera hemm is-suq tal-akkommodazzjoni turistika self-catering li qed jikber ukoll fejn għandek proprjetajiet li qed jiġġeneraw media ta’ madwar €70 il-lejl u oħrajn li qed jiġġeneraw iktar minn €100 il-lejl. Aħna li għandna esperjenza twila naħdmu fil-qasam tal-proprjeta’ fil-Kottonera niftakru sewwa li fil-passat mhux daqstant remot ħafna minn nies li kienu jikkunsidraw jinvestu jew jikru f’din iż-żona kienu jagħmlu hekk biss għax rari kienu jsibu irħas. Illum il-ġurnata l-folja nqalbet u it-tlett ibliet qed jattiraw interess għax huma aprezzati iżjed. B’hekk il-prezzijiet saru jikkomparaw tajjeb ma’
żoni oħra. Nemmen li ż-żona għadha ma lahqitx il-potenzjal sħiħ u ċert li l-investimenti tan-nies għandhom jilħqu livelli għola grazzi għar-riġenerazzjoni kontinwa li għaddejja u d-domanda li kull ma jmur qed tiżdied.
Ovvjament, apparti l-Maltin hemm il-barranin li jħarsu lejn it-tlett ibliet biex jgħixu fihom. Hemm domanda għal kiri ta’ proprjetajiet fil-Kottonera? X’tip ta’ proprjetajiet għal kiri l-aktar li ssib?
Assolutament. Pjuttost ngħid li f’perjodi differenti tas-sena d-domanda għal kiri teċċedi l-ammont ta’ proprjetajiet li jkunu disponibbli.
Għalhekk hemm bżonn ta aktar investiment fi proprjetajiet privati sabiex dawn jiġu fuq is-suq għal kiri. B’hekk dan ikun jista’ jagħmel tajjeb għad-domanda li kull ma jmur qed tkompli tikber. Id-domanda għal kiri fiż-żona hija primarjament ġejja minn nies barranin li fil-maġġiorparti tagħhom għandhom apprezzament għal wirt ta’ pajjiżna u dak kollu li għandha x’toffri ż-żona tal-port il-kbir. Dawn ikunu qed ifittxu akkommodazzjoni għal raġunijiet differenti, fosthom biex jistabbilixxu r-residenza tagħhom f’Malta, għax ikunu f’impjieg fiż-żona jew fil-madwar inkluż fil-Belt Valletta, u oħrajn li jiġu f’pajjiżna bil-familji tagħhom u jkunu jixtiequ jibgħatu t-tfal tagħhom fi skejjel privati fil-viċinanzi.
Id-domanda għal kiri hi l-aktar minn Maltin jew barranin? F’każ li ġejja minn barranin, dawn minn fejn ikunu ġejjin Ewropa jew barra mill-Ewropa?
L-akbar domanda ġejja minn persuni barranin li jipreferu jgħixu f’lokalitajiet li jirriflettu iżjed dak kollu li hu Malti u fejn is-sens ta’ komunità għadu viżibbli u jinħass sal-ġurnata tal-lum. Għadd konsiderevoli ta’ dawn il-persuni huma Ewropej iżda qed ninnutaw ukoll żieda f’persuni ta’ kwalità u professjonisti li ġejjin minn pajjiżi minn barra l-Ewropa. Fejn jirrigwardja Maltin, iktar ma jgħaddi ż-żmien il-Maltin qed jerġgħu jibdew juru interess u apprezzament lejn il-Kottonera u bdew jirritornaw gradwalment. Iżda huwa fatt magħruf li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom u jippreferu jinvestu. Fil-fatt tul l-aħħar snin esperjenzajna żieda fil-Maltin li jridu jinvestu fi proprjetà fil-Kottonera għal skopijiet residenzjali tagħhom personali. Iżda l-aktar li kien hemm interess mill-Maltin kien f’investimenti fit-tul għal skopijiet ta kiri, inkluż minn persuni li xtaqu jinvestu fil-Belt Valletta iżda tilfu ċ-ċans li jagħmlu dan fiż-żmien opportun.
Ma nistgħux ma nistaqsux fuq proprjetajiet bħal palazzini u djar kbar li hemm fuq is-suq. Dawn hemm domanda għalihom? Hu faċli li postijiet bħal dawn jikrew jew hu diffiċli? Talbiet għal boutique hotels f’dawn il-proprjetajiet ikollkom?
Id-domanda teżisti għal kull tip ta’ proprjetà. Ċertu proprjetajiet bħal appartamenti u maisonettes hemm domanda akbar għalihom minħabba l-fatt li ħafna minnhom jaqgħu f’kategoriji ta’ prezzijiet li huma aktar affordabbli. Ma’ dawn nistgħu ninkludu wkoll ‘townhouses’ li minnhom hemm ħafna fit-tlett ibliet u jistgħu jkunu ta daqsijiet differenti.
Dawn ġeneralment huma mfittxija minn persuni li jkunu jixtiequ aktar privatezza, elementi tradizzjonali u spazju estern bħal bejt. Palazzini u djar antiki kbar normalment ikunu jenħtieġu aktar attenzjoni u spejjeż fejn jirrigwardja l-manutenzjoni tagħhom u dan ikun rifless fil-prezzijiet rispettivi tagħhom. Għalhekk hemm tendenza li proprjetajiet iżgħar teżisti domanda akbar għalihom fejn għandu x’jaqsam kiri, filwaqt li Palazzini u djar kbar oħrajn jinxtraw aktar għal skopijiet ta’ residenza jew biex jiġu konvertiti f’akkomodazzjonijiet turistiċi ta’ kwalità. Minn dawn qed naraw mhux ħażin hekk kif it-tlett ibliet qed jiġbdu l-interess ta’ bosta turisti li jfittxu li jiġu Malta għal istorja u kultura li toffri.
L-awtoritajiet ħarġu inċentivi għal Urban Conservation Areas (UCA). Dawn l-inċentivi x’effett ihallu fuq proprjetajiet u rranġar ta’ palazzi u djar fit-tlett ibliet?
Dawn l-inċentivi huma importanti ħafna sabiex inkunu nistgħu nippromwovu aktar il-preservazzjoni u restawr ta’ binjiet b’karatteristiċi Maltin f’żoni urbani ta’ konservazzjoni bħat-tlett ibliet u biex aktar nies jagħżlu li jmorru jgħixu fiċ-centri antiki tal-ibliet u rħula tagħna.
Kif wieħed jista’ jinnota meta jżur il-Kottonera, sar ħafna xogħol ta’ restawr kemm fuq binjiet tal-istat u anke dawk privati. Madankollu bħal kull lokalita’ oħra f’Malta għad fadal diversi binjiet battala jew mitluqa li għandhom bżonn restawr estensiv, liema restawr jista’
jirrikjedi investiment sostanzjali. L-inċentivi eżistenti, li minnhom qed jibbenefikaw ħafna xerrejja u vendituri ta’ proprjetajiet fil-Kottonera, qed iservu biex jikkumpensaw b’mod konsiderevoli għall-ispiża fix-xiri u fir-restawr ta’ dawn il-binjiet fejn qed jiġu frankati l-eluf kbar f’taxxi kemm għal min jixtri u kif ukoll min ibiegħ fuq valuri li ma jaqbżux is-750,000 Ewro. Apparti minn hekk, nies li jixtru l-ewwel proprjeta’ tagħhom f’dawn iż-żoni għandhom inċentivi addizzjonali. Hemm ukoll l-għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr.
L-imsemmija inċentivi u oħrajn japplikaw għal maġġorparti tal-proprjetajiet fil-Kottonera hekk kif il-biċċa l-kbira taż-żona hija klassifikata bħala UCA.
Bħala kumpanija, kif qegħdin tilqgħu għaż-żieda fl-interess fi proprjetajiet fil-Kottonera, kemm għal residenzi u kemm għal kiri?
Frank Salt Real Estate ilha s-snin preżenti fit-tlett ibliet permezz ta’ konsulenti minn tagħha li għal żmien twil li jippreċedi wkoll il-bidu tar-riġenerazzjoni assistew diversi xerrejja u vendituri fil-Kottonera.
Biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fiż-żona, ftit tas-snin ilu l-kumpanija investit u fetħet fergħa oħra fil-qalba ta’ Bormla sabiex ttejjeb is-servizz u tkun tista’ tkun eqreb tan-nies li jgħixu fit-tlett ibliet u dawk li jiffrekwentaw iż-żona ta’ spiss. Tul l-aħħar snin estendejna s-servizzi tagħna b’konsulent iddedikat fuq kiri sabiex nirrispondu għad-domanda għal kiri li kull ma jmur qed tikber. Aħna nipprovdu wkoll assistenza billi nigwidaw lil klijenti dwar x’tip ta’ proprjetajiet jistgħu jsibu fit-tlett ibliet, is-suq u l-andament tiegħu, il-proċess tax-xiri, bejgħ u kiri, il-valur tal-proprjeta’ tagħhom fis-suq, u fejn ikun hemm bżonn assistenza għall-immaniġjar ta’ proprjeta’ jew xi proġett. Min jagħżel li jixtri magħna għandu l-benefiċċju tal-għażla hekk kif Frank Salt kienet u għadha l-għażla naturali għal bosta vendituri fit-tlett ibliet li jagħżlu li jirreġistraw il-proprjetajiet tagħhom fuq il-kotba tagħha, kemm għax aħna kumpanija lokali u kif ukoll għax inġorru esperjenza ta’ ‘l fuq minn 50 sena u noffru servizz personaliżżat. Għal min ikun qed jixtri l-ewwel dar tiegħu u kif ukoll min ibiegħ u jerġa’ jixtri proprjetà ma’ Frank Salt Real Estate fassalna pakketti ta’ inċentivi li jmorru id f’id mal-inċentivi li qed joffri l-gvern biex aħna wkoll nikkontrobwixxu għal pass il-kbir li jmiss tal-klijenti tagħna .
Issued by Torca, Frank Salt Real Estate Ltd, St Julian’s, Malta | November 2022